Home » Avviżi
Category Archives: Avviżi
L-attivitajiet f’għeluq il-150 sena mit-twaqqif tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette deskritti bħala ‘ċelebrazzjonijiet ta’ eċċellenza’
Kien fit-19 ta’ Ottubru tas-sena 1874 li s-Sur Pawlu Darmanin, flimkien ma’ 33 żagħżugħ ieħor kienu marru quddiem in-Nutar Giovanni Pullicino sabiex permezz ta’ kuntratt pubbliku waqqfu l-ewwel banda fil-Belt Valletta. Dakinhar kienu ftehmu wkoll li s-Sur Luigi Carabott jinħatar l-ewwel Surmast ta’ din il-banda.
Kien għalhekk bix-xieraq li fl-okażjoni tal-150 sena anniversarju mit-twaqqif tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette, il-Kumitat tad-Direzzjoni preżenti jħejji programm vast ta’ ċelebrazzjonijiet biex jitfakkar dan l-anniversarju importanti.
Kien fl-20 ta’ Ottubru tas-sena 2023 li ngħata bidu għal dan il-programm ta’ festi permezz ta’ Korteo f’ġieħ il-Gran Mastru La Valette meta dakinhar saret wkoll quddiesa solenni fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta.
Minn hemm segwew diversi attivitajiet oħra fosthom il-Kunċerti li saru mmexxija minn Mro Marco Frisina, minn Mro Jacob de Haan u minn Mro Mauro Ivano Bengalia rispettivament fost attivitajiet oħra.
Dawn l-attivitajiet li mmarkaw l-għeluq taċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 sena anniversarju laħqu l-qofol tagħhom matul dan ix-xahar ta’ Ottubu meta l-Kumitat tad-Direzzjoni mmexxi mill-President attwali Jonathan Grima ppreżentaw programm voluminuż li ġie mniedi permezz ta’ wirja ta’ xogħlijiet ta’ arti sagra mill-familja Camilleri Cauchi bl-isem ‘La Nostra Arte’ fis-sede tas-Società.
Bħala parti minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kien hemm xejn inqas minn seba’ baned mużikali Maltin li ġew mistiedna jesegwixxi marċ jew programm bejn il-Ġimgħa 18 u l-Ħadd 20 ta’ Ottubru.
Dawn il-baned kienu:
Għaqda Mużikali Żejtun
Soċ. Mużikali Sant’ Elena, Birkirkara
Soċ. Mużikali San Lawrenz, Birgu
Soċ. Filarmonica Leone, Victoria Għawdex
Soċ. Mużikali San Ġużepp, Ħamrun
Soċ. Filarmonica Unjoni, Ħal Luqa
Soċ. Mużikali Tal-Karmnu Balluta.
Il-programm uffiċjali inkluda kunċert li sar mis-Soc. Filarmonica Nazionale La Valetta waqt il-Malta International Band & Majorette Festival li ttella’ fi Pjazza San Ġorġ.
Kunċert ieħor memorabbli kien il-Kunċert ‘Omaggio a La Valette 150 ta’ storja’ fejn fil-Knisja Kolleġjata ta’ San Pawl Nawfragu ndaqqu siltiet miktuba mis-Surmastrijiet li mexxew il-Banda La Valette tul is-snin. Kunċert li sar taħt id-direzzjoni tas-Surmast attwali Dominic Darmanin bil-parteċipazzjoni wkoll tas-Sopran Rosabelle Bianchi.
Fil-programm tal-għeluq ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kienet inklużu wkoll żjara ta’ korteżija lill-President ta’ Malta l-ET Myriam Spiteri Debono fejn il-Kumitat tad-Direzzjoni ppreżenta wkoll donazzjoni lill-Malta Community Chest Fund.
Saret wkoll żjara fuq il-qabar tas-Società fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata fejn il-President Jonathan Grima u l-membri sellmu l-memorja ta’ dawk kollha li m’għadhomx magħna imma li kienu parti mill-150 sena ta’ suċċessi ta’ din is-Società.
Hekk kif tfakkru l-eks membri l-Kumitat tad-Direzzjoni ħaseb wkoll li jitpoġġew kuruni quddiem id-dar ta’ Pawlu Darmanin, il-fundatur tas-Società, quddiem il-monument tal-Gran Mastru La Valette fi Pjazza Jean de La Valetta u quddiem il-monument tal-eks Prim Ministru u ex-President tas-Società, Dr George Borg Olivier.
Il-qofol ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet li saru fi tmiem il-ġimgħa ntlaħaq permezz ta’ Pontifikal Solenni li sar il-Ħadd filgħodu fil-Paroċċa San Pawl Nawfragu li tmexxa mill-Kardinal Domenico Calcagno akkumpanjat mill- W.R. Kapitlu fl-Insinji Kolleġġjata Urbana Parroċċa Matrici u Veskovili ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta. Il-Pontifikal kellu wkoll is-sehem tal-“La Valette Ensemble”, il-Kor “Saulus’, it-tenur Charles Vincenti u s-sopran Rosabelle Bianchi taħt id-direzzjoni tal-Assistent Surmast James Chappell.
Il-Ħadd filgħaxija sar riċeviment fis-Sede tas-Società li għalih attendiet wkoll Il-President ta’ Malta l-ET Myriam Spiteri Debonoli kienet akkumpanjata minn żewġha Dr Anthony Spiteri Debono. Preżenti wkoll fost mistiedna distini oħra kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech u s-Sinjura tiegħu Anne Marie Grech.
Fid-diskors tal-okkażjoni, l-President Spiteri Debono fissret lis-soċjetajiet filarmoniċi bħala “spina essenzjali biex inkomplu nsaħħu t-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin fl-ibliet u l-irħula tagħna,” Hi fakkret fid-dmir tad-diriġenti biex jippreparaw il-ġenerazzjoni żagħżugħa biex ‘il quddiem id-direzzjoni tkun waħda li tkompli ssostni l-ħidma tas-soċjetà u t-tradizzjoni tal-festa Maltija.
Wara nkixfet lapida li tikkommemora l-150 sena.
Programm f’għeluq il-150 mit-twaqqif tas-Società
Mill-Ħadd 22 ta’ Settembru sas-Sibt 5 ta’ Ottubru 2024
Ħin: mid-9:00 am sa 12:00pm – mill-4:30pm sas-7:30pm
La Nostra Arte – Wirja ta’ Arti tax-xogħol ta’ Wistin Camilleri, Adonai, Michael, Pawlu, Mario, Ruben u Austin Camilleri Cauchi, fis-Sede tas-Soc. Fil. Naz. “La Valette”
Il-Ħamis 26 u s-Sibt 28 ta’ Settembru 2024 – fid-9:00 am
Final tal-kompetizzjoni tal-Isnooker fis-Sede tas‑Società “La Valette”
Il-Ġimgħa 4 ta’ Ottubru 2024 – fit-8:00pm
Ikla b’atmosfera festiva fis-Sede tas-Società u jingħataw il-premijiet tal-kompetizzjoni lir-rebbieħa tal-Isnooker
Il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru 2024 – fis-7:30pm
“Omaggio a la Valette”
Programm Mużikali tal-150 sena ta’ Storja tas-Soc. Fil. Naz. “La Valette” Bis-Sehem tas-Sopran Rosabelle Bianchi taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Dominic Darmanin.
Is-Sibt 12 ta’ Ottubru 2024 fil-11:00 am
Marċ Brijjuż mil-Għaqda Mużikali Żejtun fis-Sede tas-Società La Valette
L-Erbgħa 16 ta’ Ottubru 2024 – fl-10:30 am
Żjara ta’ kortesija mill-Kumitat tad-Direzzjoni tas-Soc. Fil. Naz. “La Valette” lill-E.T l-President ta’ Malta Miriam Spiteri Debono fil-Palazz.
Wara l-Kumitat ser jagħmel żjara fuq l-oqbra tas-Società u ex membri fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata kif ukoll jitpoġġew kuruni quddiem il-lapida tal-Fundatur Pawlu Darmanin u l-monument ta’ La Valette
Il-Ġimgħa 18 t’Ottubru 2024 fit-8:00pm
Marċ Brijjuż mis-Soċ. Muż. Sant’Elena B’Kara u s-Soċ. Muż. San Lawrenz Birgu, minn Pjazza San Ġorġ sas-Sede tas-Società “La Valette”
Is-Sibt 19 ta’ Ottubru 2024 – JUM IL-FONDAZZJONI
Fl-10:45am Marċ trijonfali mis-Soc. Fil. Leone u l-Fil. Naz. La Valette minn quddiem il-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu sas-Sede tas-Società “La Valette”
Fis-1:30 pm Is-Soc. Muż. San Ġużepp – Ħamrun tkun qed tferraħ b’marċi brijjużi fis-Sede tas-Soc. Fil. Naz. La Valette.
Il-Ħadd 20 ta’ Ottubru
Fl-10:00 a.m. Pontifikal Solenni mmexxi mill-Kardinal Domenico Calcagno u l-Kapitlu tal-Kolleġġjata u Retturi tal-Belt Valletta, fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Belt Valletta.
Fl-okkażjoni tal-għeluq tal-festi tal-150 Sena mit-Twaqqif tas-Società Filarmonica Nazionale “La Valette”. Bis-sehem tal-“La Valette Ensemble”, il-Kor “Saulus” u s-sopran Rosabelle Bianchi taħt id-direzzjoni tal-Ass. Surmast James Chappell.
Fil-11:00am Korteo tal-Okkażjoni bis-Sehem mis-Soc. Fil. Unioni u l-Fil. Naz. La Valette minn quddiem il-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu sas-Sede tas-Società “La Valette”
Fis-7:30 pm
Riċeviment fis-Sede tas-Società “La Valette”
Mistiedna l-E.T l-President ta’ Malta Miriam Spiteri Debono, nies distinti, għaqdiet mużikali u attivisti tas-Società.
Il-Banda tas-Soċ. Muż. Tal-Karmnu Balluta tkun qed tesegwixxi programm mużikali fil-Każin “La Valette”
Jacob de Haan f’Malta fis-16 ta’ Marzu biex jidderieġi s-Societa Fil. Naz. La Valette
Wara s-suċċess miksub bil-kunċert ta’ Maestro Mons. Marco Frisina f’Novembru li għadda, is-Società Filarmonica Nazionale La Valette, ħabbret it-tieni kunċert b’kompożitur ta’ fama internazzjonali Jacob de Haan. Għalhekk is-sena 2024 se tkun sena mimlija b’avvenimenti li se jkomplu jiktbu l-istorja tad-deheb ta’ din is-soċjetà.
F’attività li saret is-Sibt filgħodu il-President Jonathan Grima ħabbar lill-membri preżenti l-kunċert se jsir fis-16 ta’ Marzu 2024 fit-8pm fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl l-Imdina.
Il-kompożitur Olandiż Jacob De Haan flimkien mal-Banda tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette ser itellgħu il-kunċert ‘Missa Brevis’.
Il-Kompożitur Jacob De Haan twieled fit-28 ta’ Marzu tal-1959 f’Heerenveen, l-Olanda. De Haan huwa wieħed mill-aktar kompożituri bandistiċi popolari ta’ żmienna.
Huwa ħadem id f’id mad-dar ta’ pubblikazzjoni Olandiża De Haske fuq numru ta’ kompożizzjonijiet u arranġamenti għal diversi line-ups.
Il-kompożizzjonijiet ta’ De Haan, b’bosta minnhom miktuba fuq kummissjoni, huma magħrufa mad-dinja kollha, speċjalment dawk ix-xogħlijiet li huma bbażżati fuq stil li jixbaħ l-istil użat f’diversi soundtracks ta’ films.
Ix-xogħlijiet tiegħu għall-banda jvarjaw minn kunċerti li huma teknIkament diffiċli għal xogħlijiet aktar qosra, kompożizzjoniijet oħra għal tfal, musica da camera kif ukoll marċi serji. Huwa ħadem ukoll għadd ta’ arranġamenti ta’ xogħlijiet klassiċi u korali.
De Haan studja l-mużika u l-orgni f’The Music Academy f’Leeuwarden. Sussgwentament, insibuh jgħallem lill-istudenti fl-istess konservatorju b’mod speċjali fit-tekinka tal-arranġamenti. Fl-2003 huwa ingħata premju għax-xogħlijiet tiegħu minn The Frisian regional broadcasting company.
Is-surmast Jacob De Haan jkun spiss mitlub jidderieġi x-xogħlijiet tiegħu, mhux biss fl-Ewropa iżda anke ġewwa l-Awstralja u l-Istati Uniti, kif ukoll minn żmien għal żmien huwa jservi bħala membru tal-ġurija f’kompetizzjoniijet internazzjonali. De Haan jieħu sehem ukoll f’diversi workshops b’mod speċjali dawk li jittellgħu f’ The Bavarian Music Acadamy ġewwa l-Ġermanja.
Fil-kunċert tas-16 ta’ Marzu se jieħdu sehem ukoll is-Sopran Rosabelle Bianchi, il-Baritonu Louis Andrew Cassar kif ukoll il-vjolonist George Curmi, l-Pusé.
Il-biljetti għal din l-attività jinkisbu kemm mis-Sede tas-Soċjetà kif ukoll mis-sit showshappening.com.
Ara l-Kunċert Apostolo delle Genti
Għal dawk li ma attendewx għall-kunċert Apostolo delle Genti ta’ Mons Marco Frisina, issa għandhom iċ-ċans jaraw u jisimgħu dan il-kunċert grazzi għal NET Television li xandar dan il-kunċert nhar il-Ħadd.Minn hawn nawguraw lill-mużiċisti kollha li taw u għadhom jagħtu servizz lill-Banda tagħna!
Il-Bijografija ta’ Mro Cardenio Botti
Il-Bijografija Ta' Mro Cardenio BottiIl-Bijografija Ta' Mro Cardenio Botti
Posted by Societa Filarmonica Nazionale La Valette – A.D. 1874 on Thursday, August 25, 2022