Home » Avviżi (Page 2)

Category Archives: Avviżi

+356 21221818
lavaletteband1874@gmail.com
297, Republic Street, Valletta, VLT1110
Monday – Friday: 9:00 – 18:30

Arkivji

Awguri – 2021

Kieku jkollna niġbru l-2020 f’kelma waħda l-ewwel kelma li tiġi f’moħħna żgur tkun “xokk”. Xokk li kellna nagħlqu l-każin għal żmien twil. Xokk li kellna nħassru diversi servizzi tal-banda. Xokk li kellna nħassru l-attivitajiet li kellna ppjanati. Xokk li kellna nħassru l-kunċerti grandjużi li sirna rinomati għalihom. Xokk li kellna ma nibqgħux niltaqgħu, u niċċajtaw bejnietna.

Iżda bħala soċjetà fihmna u ħassejna aħna wkoll is-sentiment tagħkom u rajna kif stajna nibqgħu qrib ta’ xulxin. Għalekk saħħaħna l-media soċjali u ppruvajna inżommu dawn il-mezzi aġġornati kemm stajna. B’kollaborazzjoni wkoll ma’ Radio City, qegħdin ukoll inwasslu l-vuċi tagħna ta’ kuljum b’diversi programmi, imtella’ mill-membri tagħna. Imma barra dan, grazzi għall-voluntiera tagħna bqajna naħdmu sabiex insebbħu l-każin, sabiex meta tasal il-ġurnata li fiha nerġgħu nifthu l-bibien tagħna, is-sede tagħna tkun il-post fejn terġa’ mill-ġdid tospitakom fl-aqwa ambjent possibli.

Għaldaqstant ejjew inħarsu lejn l-2020 u ma narawx l-ikrah biss tagħha iżda nagħżlu li niffukaw primarjament fuq il-ħafna tajjeb li offriet u l-ħafna tagħlimiet, u bil-għajnuna t’Alla nittamaw li l-2021 b’ħafna aktar tajjeb u b’ħafna aktar tagħlimiet.

Jalla l-2021 tkun is-sena ta’ tama u apprezzament. Tama f’ġejjieni aħjar mingħajr biża’ u mard, iżda b’apprezzament għal dak li diġà għandna, għal dawk li hemm madwarna u dak li l-ħajja tipprovdielna.

Is-sena t-tajba lil kulħadd

White damask wallpaper with floral patterns

Quddies b’suffraġju għal ruħ il-membri mejtin

Laqgħa Ġenerali Annwali 2020

Nhar is-Sibt 24 t’Ottubru 2020, saret il-Laqgħa Ġenerali Annwali fis-sede tas-Soċjetà. Minħabba l-pandemija li għaddej minnha pajjiżna rajna kif jittieħdu il-miżuri kollha għall-prekawzjoni tas-saħħa ta’ kulħadd.

Waqt din il-laqgħa inqara ir-rapport Amministrattiv mis-Segretarju Daniel Mangion u r-Rapport Finanzjarju mill-Kaxxier Glen Attard. Dawn iż-żewġ rapporti intlaqaw tajjeb ħafna minn dawk preżenti u kienu approvati mill-membri kollha preżenti.

Saru wkoll emendi fl-istatut u dawn ġew approvati unanimament.

Barra dan waqt il-laqgħa saret mozzjoni sabiex it-termu preżenti tal-President, is-Sur Jonathan Grima jkun estiż sas-sena 2025. Biex b’hekk ser ikun is-Sur Grima li ser imexxi is-soċjetà lejn l-anniversarju tant prestiġjuż tal-150 sena mit-twaqqif.

Imniedi uffiċjalment Radio La Valette

Illum tnieda uffiċjalment Radio La Valette b’attività uffiċjali fis-sede tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette AD 1874 lejliet il-146 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà. Dan ir-radio huwa servizz ta’ xandir varjat bis-saħħa ta’ għadd sabiħ ta’ kontributuri u xandara għall-komunità Beltija u għall-ammiraturi tagħha mxerrdin fil-gżejjer Maltin.

Ix-xandiriet qed ikunu trasmessi mill-istudios li saru apposta fis-sede tal-istess Società bil-kolloborazzjoni ma’ Radio City li qed ixandar fuq il-frekwenza 98FM.

L-iskeda hija waħda varjata bi programmi ta’ tagħrif dwar il-Belt Valletta; mużika klassika, minn films, Maltija, Taljana u marċi popolari; persunalitajiet Beltin; programmi għaż-żgħażagħ u sportivi; kif ukoll dwar is-suċċessi tal-Filarmonica La Valette tul il-146 sena tal-istorja brillanti tagħha. Fost il-preżentaturi wieħed isib lil Charles Coleiro, Vince Fabri, Tonio Bonello u Joseph Chetcuti.

Carmel Zammit il-propjetarju ta’ Radio City qal li b’din il-kollaborazzjoni mas-Società La Valette, ir-radju se jkompli jkabbar is-sens ta’ komunita tar-radju.

Il-Viċi President Lino Bartolo tkellem dwar il-ħidma li saret biex jitwettaq dan il-proġett kif ukoll elenka l-lista ta’ programmi tal-iskeda.

Il-President is-Sur Jonathan Grima qal li s-Società qed tħares b’viżjoni lejn il-150 sena mit-twaqqif tas-Societa erba’ snin oħra u dan huwa biss wieħed mill-proġetti għal dan l-anniversarju importanti.

Fl-aħħar tal-konferenza saret preżentazzjoni minn Dr Tonio Portughese tad-DVD tal-Kunċert Omaggio a Giuseppe Verdi li kien ntwera live fuq TVM u li kien sar f’Novembru li għadda mis-Societa lill-President is-Sur Jonathan Grima.

L-għan ta’ “Radio La Valette” huwa li jwassal id-diversi aspetti tal-patrimonju storiku, kulturali u mużikali, flimkien ma’ mumenti rilassanti ta’ divertiment varjat, kif ukoll dwar l-aqwa kisbiet tal-ewwel Soċietà mużikali bi statura nazzjonali tal-Belt Valletta. Huwa xhieda tal-impenn kostanti tad-direzzjoni tas-Soċietà Nazzjonali biex issaħħaħ ir-rilevanza soċjali tagħha billi tuża l-mezz effettiv tax-xandir bir-radio.

Programm ta’ trażmissjonijiet virtwali fl-okkażżjoni tal-146 sena anniversarju mill-Fondazzjoni tas-Società Filamonica Nazionale La Valette

Is-Sibt 17 t’ Ottubru 2020

6.00pm – Inno La Valette
6.05pm – Kburin b’dak li għadda – L-ewwel Parti – Feature qasir ta’ ritratti mill-arkivji tas-soċjetà.
6.10pm – Dak li sawwarna – Qari dwar il-fondazzjoni tas-soċjetà – L-ewwel Parti
6.25pm – Musica Maestro – Programm informattiv u mużikli dwar is-surmast tal-ġurnata – l-Ewwel programm ikun fuq Mro Dominic Darmanin
7.25pm – Serata al Manoel – l-ewwel parti tal-kunċert sinfoniku li kien sar fit-Teatru Manoel mis-Società Filarmonica Nazionale La Valette
8.25pm – Siam De La Valette – Siegħa marċi Brijjużi mill-arkivji tas-Soċjetà

il-Ħadd 18 t’Ottubru 2020

10.30am – Quddies imxandra live mill-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, fl-okkażżjoni tal-146 sena anniversarju mill-Fondazzjoni. Imexxi din iċ-ċelebrazzjoni Fr Victor Paul Farrugia O.Carm, direttur spiritwali tas-Soċjetà, u jikkonċelebraw il-W.R Arċipriet il-Kan David John Cilia u l-Viċi Arċipriet il-Kan David Torpiano, bis-sehem tal-band Clay.
11.30am – Siam De La Valette – Nofs siegħa marċi Brijjużi mill-arkivji tas-Soċjetà
6.00pm – Inno La Valette
6.05pm – Kburin b’dak li għadda – it-tieni Parti – Feature qasir ta’ ritratti mill-arkivji tas-soċjetà.
6.10pm – Dak li Sawwarna – Qari dwar il-fondazzjoni tas-soċjetà – it-tieni Parti
6.25pm – Musica Maestro – Programm informattiv u mużikli dwar is-surmast tal-ġurnata – it-tieni Programm ikun fuq Mro Cardenio Botti
7.25pm – Serata al Manoel – it-Tieni parti tal-kunċert sinfoniku li kien sar fit-Teatru Manoel mis-Società Filarmonica Nazionale La Valette
8.25pm – Siam De La Valette – Siegħa marċi Brijjużi mill-arkivji tas-Soċjetà

It-Tnejn 19 t’Ottubru 2020 – Jum Il-Fondazzjoni

6.00pm – Inno La Valette
6.05pm – Kburin b’dak li għadda – It-Tielet parti – Feature qasir ta’ ritratti mill-arkivji tas-soċjetà.
6.15pm – Musica Maestro – Programm informattiv u mużikli dwar is-surmast tal-ġurnata – it-tielet programm ikun fuq Mro Joseph Sammut
7.15pm – Omaggio A Giuseppe Verdi – Kunċert sinfoniku li kien sar fis-sena 2019 fit-teatru tal-Istitut Kattoliku, il-Floriana, bis-sehem tat-Tenur Kaludi Kaludov, s-Soprana Anna Dytry u l-Coro Bel Canto, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dominic Darmanin
8.25pm – Siam De La Valette – Siegħa marċi Brijjużi mill-arkivji tas-Soċjetà

Messaġġ mill-President fl-okkażjoni tal-146 anniversarju mill-fondazzjoni

Għeżież Membri u segwaċi tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette

Nhar it-Tnejn 19 t’Ottubru, is-Soċjetà tagħna tiċċelebra l-146 anniversarju mill-fondazzjoni tagħha. 146 sena minn meta l-ħolma tal-fundatur Paolo Darmanin u sħabu ħadet il-ħajja u fjorixxiet f’dak li nafuha illum. F’ċirkustanzi normali dan l-anniversarju dejjem jiġi ċċelebrat b’avveniment ta’ skala għolja, u kieku kollox kien normali din is-sena wkoll konna ser niċċelebraw dan l-anniversarju b’kunċert kbir ieħor, kif wara kollox jixraq lil din il-ġurnata għażiża. Iżda kif jgħid il-Malti, il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi. Sfortunatament minħabba l-pandemija tal-Covid-19, b’dieqa iżda b’responsabbiltà, kellna inħassru din l-attività li żgur mhux forsi kienet ser tiġbed mijjiet ta’ nies.

Iżda dan ser iwaqqafna milli niċċelebraw dan l-anniversarju ta’ din is-soċjetà tant għal qalbna? Anqas xejn.

Kif għamilna fi żmien il-Ġimgħa Mqaddtsa, ser nagħmlu programm ta’ trażmissjonijiet virtwali fuq il-paġna tagħna ta’ facebook fejn ser inħarsu lejn il-passat u l-preżent tagħna, lejn dak li jgħaqqadna u lejn dak li aħna tant kburin bih. Ix-Xandiriet ser ikunu diversi u ser jinkludu fihom memorji permezz ta’ ritratti antiki, qari dwar il-fondazzjoni, programmi ta’ marċi, kif ukoll kunċerti sinfoniċi mill-banda tas-Soċjetà. Poster bil-programm ta’ dan kollu ser jitla fuq il-paġna ta’ facebook nhar il-Erbgħa 14 ta’ Ottubru 2020 fl-10.30pm.

Grazzi talli dejjem tkunu hemm ta’ sostenn għalina

Dejjem tagħkom

Jonathan Paul Grima
President
Società Filarmonic Nazionale La Valette

ĊIRKULARI LILL-MEMBRI

Għażiż Membru,

Qiegħed niktiblek din il-ħames ċirkulari biex ngħarrfek dwar il-laqgħa ġenerali annwali għas-sena 2019-2020.

Laqgħa Ġenerali Annwali

Il-Laqgħa Ġenerali Annwali ser issir nhar is-Sibt 24 t’Ottubru 2020 fl-9.45am fis-Sala tas-Sede tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette. Il-preżenza tagħkom hija ferm apprezzata. Waqt din il-laqgħa ser jinqara r-rapport amministrattiv mis-segretarju, kif ukoll ir-rapport finanzjarju mill-kaxxier. Waqt din l-istess laqgħa, ser jiġu mressqa emendi għall-approvazzjoni emendi fl-istatut. Dawn l-emendi jinsabu annessi ma’ din iċ-ċirkulari. 

Sabiex inħarsu s-saħħa ta’ kull wieħed minnha, kif ukoll nobdu d-direttivi maħruġa mid-Direttorat tas-Saħħa Pubblika, nitolbukom sabiex kull min jattendi jilbes maskra jew face visor.

Ħlas tal-Menswalità tal-Membri tas-Soċietà

Matul ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru ser issir reviżjoni lil-lista tal-membri tas-società. Tajjeb niġbdu l-attenzjoni li kull min jinsab lura b’aktar minn 3 snin fil-menswalità ser jinqata’ awtomatikamement u jieqaf jirċievi korrispondenza. Għaldaqstant nitolbu lil kull min għadu lura minn xi menswalità, sabiex jirregola ruħu billi jħallas il-menswalitajiet dovuti lill-iskrivan. 

Il-ħinijiet tal-Uffiċċju huma:

It-Tnejn: 4.00pm – 7.00pm

L-Erbgħa: 4.00pm – 7.00pm

Il-Ħamis: 8.00am – 12.00pm

Is-Sibt: 8.00am – 12.00pm

Skola tal-Mużika

Inħeġġu lil kull min jixtieq jibda jitgħallem xi strument mużikali, sabiex jikkuntattja lid-delegat tal-Banda, is-Sur Simon Farrugia jew lill-President, is-Sur Jonathan Grima fuq 79261164. Din l-iskola qed titmexxa minn Mro James Chappell fejn jidħlu strumenti tal-qasba u minn Mro Sean Scicluna fuq strumenti tar-Ramm, taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dominic Darmanin.

Filwaqt li nselli għalik, għoddni

Dejjem tiegħek,
Daniel Mangion
Segretarju Ġenerali

Radju li jxandar mis-Sede tas-Società

Merħba lil Fr Ramon u Fr Twanny

Il-bieraħ fis-sede tas-Soċjetà ilqajna lill-Patri Gwardjan u d-direttur spiritwali l-ġdid tal-Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss Fr. Ramon Farrugia OFM, kif ukoll lil Fr Anthony Chircop, Ministru Provinċjali.

F’din il-laqgħa ta’ merħba, il-kumitat wiegħed il-kooperazzjoni totali tiegħu lejn l-ordni, u ġiet ukoll preżentata donazzjoni sabiex tkopri l-ispejjeż kollha relatati mal-proġett siewi tal-erba pjaneti.Wara saret ukoll bibita fejn sirna nafu ftit aktar lil xulxin.

Awguri Fr Ramon u Fr Twanny

Mill-Ġdid fit-toroq tal-Kapitali

Wara l-festa tal-Appostlu Missierna San Pawl, il-virus tal-Covid-19 ħarbat il-pjanijiet kollha u s-servizzi li kellha s-Soċjetà tagħna.

Kien żmien ta’ inċertezza kbira fejn anke fuq ordni tal-istat, kif ukoll b’rispett għall-pubbliku kellna nagħlqu l-bibien tas-Sede tagħna għal żmien twil. Dan ma jfissirx li ma sar xejn. Anzi grazzi għal diversi voluntiera, sar ħafna xogħol ta’ rinnovar u manutenzjoni.

Iżda għall-grazzja t’Alla erġajna bdejna inqumu fuq saqajna u wara li fl-aħħar ta’ Mejju erġajna ftaħna s-Sede għas-soċi, issa kien imiss li l-banda tagħna terġa’ tinżel isemma leħinha fit-toroq tal-kapitali.

Kien mument pjuttost emozzjonanti li wara tant ġimgħat fil-kwiet is-Soċieta La Valette kellha tkun propju hi l-ewwel banda li ddoqq fil-kapitali. L-ewwel servizz kien fil-15 ta’ Lulju u t-tieni servizz kien propju fil-pellegrinaġġ li sar l-għada, fis-16 ta’ Lulju ad unur il-Madonna tal-Karmnu.

Sfortunatament kellu jkun hemm ukoll servizz ieħor propju nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju, imma minħabba li l-covid-19 reġa’ qed jgħolli rasu f’pajjiżna dan kellu jitħassar.

Għalhekk nappellawlkom sabiex tibqgħu tħarsu saħħitkom u saħħet ta’ madwarkom, jekk Alla jrid din il-battalja nerbħuha ma ndumux u mill-ġdid inkunu nistgħu niċċelebraw flimkien.

%d bloggers like this: