Home » Articles posted by Editur

Author Archives: Editur

+356 21221818
lavaletteband1874@gmail.com
297, Republic Street, Valletta, VLT1110
Monday – Friday: 9:00 – 18:30

Arkivji

Skeda Speċjali għall-Ġimgħa Mqaddsa fuq Radio City 98FM

Promo Omaggio a Giuseppe

Programm ta’ attivitajiet u ċelebrazzjonijiet mis-Soc. Fil. Naz La Valette, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Pawl, fil-Belt Valletta

Il-Ġimgħa 31 ta’ Jannar 2020 – Kunċert Ġenerali
8.00pm Kunċert Ġenerali ta’ marċi fis-sede tas-Società.

Is-Sibt l-1 ta’ Frar 2020 – Servizz tal-Banda waqt il-festa tat-tfal
10.00am Marċ mill-Banda tas-Soċjetà La Valette minn quddiem il-Kolleġġjata Insinji u Arċipretali ta’ San Pawl Nawfragu fi Triq San Pawl fost briju tat-tfal preżenti. F’każ ta’ maltemp din l-attività tiġi posposta għat-8 ta’ Frar.

Il-Ħadd 2 ta’ Frar 2020 – Riċeviment tal-Festa u ftuħ tas-sena mużikali
7.00pm Riċeviment tal-festa fis-sede tas-Società. Waqt dan l-avveniment ser ikollna wkoll magħna l-banda tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Karmnu tal-Balluta.

Il-Ħamis 6 ta’ Frar 2020 – Brass Band
8.30pm Kunċert ta’ Brass Band b‘kollaborazzjoni mal-Għaqda tal-Pawlini fis-sede tas-Società. Din l-attività tinkludi mużika leġġera u briju mill-partitarji u segwaċi tal-Banda tagħna u s-sorpriżi ma jonqsux.

Is-Sibt 8 ta’ Frar 2020 – Marċi Brijużi fis-sede tas-Società u Ikla tal-festa bejn il-Pawlini
11.00am Piccola Banda magħmula minn mużiċisti tal-Banda tagħna fis-sede tas-Società, sabiex tferraħ lil dawk preżenti b’marċi brijjużi. Wara ser tiġi organizzata ikla bejn il-Pawlini fl-istess sede tas-Società

Il-Ħadd 9 ta’ Frar 2020 (Filgħodu) – Lejlet il-Festa – Banda Mistiedna
11.00am Il-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Sliema se tferraħ lil dawk preżenti b’marċi brijjużi fis-sede tas-Società.

Il-Ħadd 9 ta’ Frar 2020 (Filgħaxija) – Il-Marċ tradizzjonali ta’ Lejlet il-Festa
6.45pm Il-Banda tas-Società, ser tibda marċ minn quddiem is-sede tal-istess Società. Hekk kif il-banda tas-Società tasal fi Triq San Pawl ser tingħaqad magħha l-Banda Beland taż-Żejtun u jitkompla l-marċ sa ħdejn il-Qampiena fi Triq il-Mediterran.

It-Tnejn 10 ta’ Frar 2020 – Jum Il-Festa – Il-Marċ tradizzjonali tas-Siegħa
1.00pm Il-banda tas-Società ser tesegwixxi repertorju ta’ marċi brijużi waqt il-Marċ tradizzjonali u tant mistenni ‘Tas-Siegħa’ fost briju tal-partitarji. Il-marċ jilħaq il-qofol tiegħu għall-ħabta tat-3.00pm hekk kif jasal fil-bidu ta’ Triq San Pawl.

Quddiesa ta’ Ringrazzjament

Dalgħodu saret Quddiesa ta’ Ringrazzjament b’suffraġju għal ruħ il-membri mejtin f’għeluq il-Festi tal-145 anniversarju mill-Fondazzjoni fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu.

Mumenti mill-Kunċert Omaggio A Giuseppe Verdi

Is-Surmast Dominic Darmanin

Mro. Dominic Darmanin twieled il-Belt Valletta f’Mejju tal-1962. Beda l-istudji mużikali tiegħu fl-età ta’ 9 snin fl-iskola tas-Sależjani St Patrick’s f’Tas-Sliema u fl-iskola tal-mużika Johann Strauss. Tgħallem it-trumbun taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Anthony Zammit u aktar tard, taħt il-gwida ta’ Mro. Paul Borg fejn akkwista tliet diplomi: ALCM, LLCM u FLCM. Studja l-armonija u l-kuntrapunt għand il-mibki Mro. Carmelo Pace u għand il-Profs. Charles Zammit fejn iggradwa bid-diploma A.Mus.LCM.

Għallem f’diversi baned Maltin u Għawdxin sakemm fl-1993 inħatar Surmast Direttur tas-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan. Huwa waqqaf il-Pinto Brass Band kif ukoll inawgura l-ewwel sensiela ta’ Kunċerti Sinfoniċi. Ħadem għal seba’ snin bħala mużiċist mal-Orkestra tat-Teatru Manoel.

Kompożitur ta’ diversi marċi għall-banda kemm brijużi u kemm funebri. Kiteb ukoll sensiela ta’ xogħlijiet klassiċi għall-banda.

Fl-1 ta’ Jannar 2008 inħatar Surmast Direttur tas-Soċietà Filarmonika Nazionale La Valette wara li għamel 29 sena bħala mużiċist tal-banda La Valette.

It-Tenur Kaludi Kaludov

Kaludi Kaludov huwa tenur internazzjonali Bulgaru li kanta f’diversi teatri tal-opra fosthom La Scala ta’ Milan, f’Genova, Pariġi, Buenos Aires, Chicago, Huston u Vjenna fost l-oħrajn.

Huwa wera l-kapaċità tiegħu meta s-Surmast Zubin Mehta stiednu bħala Radames f’kunċerti tal-Aida mal-Filarmonika ta’ Iżrael.

It-tenur ikkollabora ma’ diversi artisti internazzjonali fosthom Mirella Freni, Cheryl Studer, Placido Domingo, Piero Capuccili, Nicolai Ghiaurov, Renato Bruson u Sherill Milnes u taħt id-direzzjoni ta’ diversi surmastrijiet fosthom Claudio Abbado, Riccardo Muti u Fabio Luisi.

Is-Sopran Anna Dytry

Anna Dytry twieldet il-Polonja u tgħallmet taħt Kaludi stess fin-New Bulgarian University ta’ Sofia. Hija Solista fit-teatri ta’ Plovdiv u Stara Zagora fil-Bulgarija. Hija wkoll iggradwat mill-Iskola tal-Mużika Primarja u Sekondarja fil-klassi tal-vjolin u kant.

Hija taħdem ukoll mat-teatri f’Varna, Ruse u Burgas. Hija ħadet sehem f’diversi festivals internazzjonali fosthom fi Cieszyn f”Viva il canto”, f’Telemann, fil-Bansko Fest. Ħadet sehem f’diversi opri fil-Polonja, l-Awstrija, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, l-Italja, is-Solvakkja u l-Brażil.

Ir-repertorju tagħha jinkludi rwoli mill-opri ta’ Puccini: Tosca (Tosca), Mimi (La Boheme), Liu (Turandot), Cio-Cio-San (Madama Butterfly), Verdi: Elisabetta (DonCarlo), Leonora (Trubadur), Giulietta (Un Giorno di Regno), Bizet: Michaela (Carmen), Mozart: Countess (Le Nozze di Figaro), Donna Elvira (Don Giovanni), Offenbach: Giulietta (Tales of Hoffmann), Tchaikovsky: Tatiana (Eugeniusz Onin), Jolanta (Jolanta) u oħrajn.

Min kien Giuseppe Verdi

Kitba ta’ Joe Chetcuti

Giuseppe Verdi twieled fid-9 ta’ Ottubru 1813 fir-raħal ta’ Le Roncole fil-Provinċja ta’ Parma fl-Italja. Tajjeb ngħidu, la qed insemmu l-lokalità fejn twieled Verdi, li llum dan ir-raħal ċkejken ta’ Le Roncole jġib l-isem tal-istess kompożitur: “Roncole Verdi” – lokalità li Verdi nnifsu tant ħabb u għex fiha għal ħafna żmien minn ħajtu.

Verdi beda l-istudji mużikali tiegħu ta’ età żgħira wara li flimkien ma’ familtu ħalla r-raħal ta’ Le Roncole u marru jgħixu f’Bussetto. Hemm beda jistudja l-kompożizzjoni. Fl-1832, Verdi kien applika biex jidħol jistudja fil-konservatorju ta’ Milan, iżda ma kienx aċċettat minħabba li kien għadu żgħir. Minn hemm għażel li jkompli jistudja mal-kompożitur Vincenzo Lavigna.

Fl-1833 ġie magħżul biex ikun id-direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonika ta’ Bussetto. Barra dan ix-xogħol, huwa kompla għaddej bil-kompożizzjonijiet u fl-istess ħin serva wkoll bħala organista fl-istess belt. Tliet snin wara żżewweġ lil Margherita Barezzi. Fl-1838 huwa rritorna Milan fejn iffinalizza l-ewwel opra tiegħu ‘Oberto’ u sena wara bl-għajnuna tal-ħabib tiegħu Giulio Ricordi rnexxielu jtellgħu din l-opra fit-teatru La Scala. Wara din l-opra, li ġiet milqugħa tajjeb ħafna, huwa kiteb opra komika bl-isem ‘Un giorno di regno’. Din l-opra ma kisbitx is-suċċess li kisbet l-ewwel biċċa xogħol tiegħu. Wara l-mewt ta’ martu fis-sena 1840, fl-età ta’ 26 sena huwa għadda minn perjodu diffiċli immens. Iżda ftit taż-żmien wara huwa rnexxielu jikkomponi żewġ opri oħra kbar: Nabucco (1842) u I Lombardi (1843).

Fl-ewwel kompożizzjonijiet operistiċi tiegħu naraw lil Verdi juri simpatija lejn il-moviment tar-‘Risorgimento’ – il-moviment Taljan favur l-unifikazzjoni tal-Italja. Tajjeb ngħidu wkoll li Giuseppe Verdi kien serva għal żmien qasir bħala politiku. Il-“Va Pensiero” mill-opra “Nabucco” tal-1842 – waħda mill-ewwel opri tiegħu – hija xhieda ta’ dan. Fil-fatt fiha joħroġ l-ispirtu ta’ unità bħala nazzjon. Snin wara, kienu bosta dawk it-Taljani li xtaqu li l-“Va Pensiero” tibda titqies bħala l-innu nazzjonali Taljan.

Wara s-suċċess ta’ dawn iż-żewġ opri huwa ma ħarisx lura. Fil-fatt fit-tliet diċenji ta’ wara kompla jikseb aktar suċċess u fama bil-kompożizzjoni ta’ opri kbar oħra fosthom Rigoletto (1851); Il Trovatore (1853) u La Traviata (1853), Don Carlos (1867) u Aida (1871). L-ewwel tlieta huma meqjusa bħala l-aqwa tliet opri li kkompona.

Verdi ddomina x-xena operistika fl-Italja wara l-perjodu ta’ Bellini; Donizetti u Rossini. B’kollox huwa kiteb xejn inqas minn 30 Opra Lirika. Minbarra dawn l-opri huwa kkompona ħafna aktar xogħlijijet mużikali. Ma nistgħux ma nsemmux xogħol kbir ta’ dan il-kompożitur li huwa r-“Requiem” ad unur il-poeta ħabib tiegħu Alessandro Manzoni li miet fl-1873.

Riċerka illi saret mis-sit – Operabase.com , turi li l-opri ta’ Verdi huma l-aktar li ġew imtellgħa madwar id-dinja f’dawn l-aħħar ħames snin. Fil-fatt Verdi jinsab fil-quċċata segwit minn Mozart u Puccini. L-opra ‘La Traviata’ imbagħad, hija l-aktar opra li ġiet imtellgħa f’dawn l-aħħar ħames snin madwar id-dinja, qabel l-opri Magic Flute ta’ Mozart u La Boheme ta’ Puccini.

Il-Programm Sa Nofsinhar dwar il-kunċert Omaggio a Giuseppe Verdi