Home » Aħbarijiet » Min kien Giuseppe Verdi

+356 21221818
lavaletteband1874@gmail.com
297, Republic Street, Valletta, VLT1110
Monday – Friday: 9:00 – 18:30

Arkivji

Min kien Giuseppe Verdi

Kitba ta’ Joe Chetcuti

Giuseppe Verdi twieled fid-9 ta’ Ottubru 1813 fir-raħal ta’ Le Roncole fil-Provinċja ta’ Parma fl-Italja. Tajjeb ngħidu, la qed insemmu l-lokalità fejn twieled Verdi, li llum dan ir-raħal ċkejken ta’ Le Roncole jġib l-isem tal-istess kompożitur: “Roncole Verdi” – lokalità li Verdi nnifsu tant ħabb u għex fiha għal ħafna żmien minn ħajtu.

Verdi beda l-istudji mużikali tiegħu ta’ età żgħira wara li flimkien ma’ familtu ħalla r-raħal ta’ Le Roncole u marru jgħixu f’Bussetto. Hemm beda jistudja l-kompożizzjoni. Fl-1832, Verdi kien applika biex jidħol jistudja fil-konservatorju ta’ Milan, iżda ma kienx aċċettat minħabba li kien għadu żgħir. Minn hemm għażel li jkompli jistudja mal-kompożitur Vincenzo Lavigna.

Fl-1833 ġie magħżul biex ikun id-direttur mużikali tas-Soċjetà Filarmonika ta’ Bussetto. Barra dan ix-xogħol, huwa kompla għaddej bil-kompożizzjonijiet u fl-istess ħin serva wkoll bħala organista fl-istess belt. Tliet snin wara żżewweġ lil Margherita Barezzi. Fl-1838 huwa rritorna Milan fejn iffinalizza l-ewwel opra tiegħu ‘Oberto’ u sena wara bl-għajnuna tal-ħabib tiegħu Giulio Ricordi rnexxielu jtellgħu din l-opra fit-teatru La Scala. Wara din l-opra, li ġiet milqugħa tajjeb ħafna, huwa kiteb opra komika bl-isem ‘Un giorno di regno’. Din l-opra ma kisbitx is-suċċess li kisbet l-ewwel biċċa xogħol tiegħu. Wara l-mewt ta’ martu fis-sena 1840, fl-età ta’ 26 sena huwa għadda minn perjodu diffiċli immens. Iżda ftit taż-żmien wara huwa rnexxielu jikkomponi żewġ opri oħra kbar: Nabucco (1842) u I Lombardi (1843).

Fl-ewwel kompożizzjonijiet operistiċi tiegħu naraw lil Verdi juri simpatija lejn il-moviment tar-‘Risorgimento’ – il-moviment Taljan favur l-unifikazzjoni tal-Italja. Tajjeb ngħidu wkoll li Giuseppe Verdi kien serva għal żmien qasir bħala politiku. Il-“Va Pensiero” mill-opra “Nabucco” tal-1842 – waħda mill-ewwel opri tiegħu – hija xhieda ta’ dan. Fil-fatt fiha joħroġ l-ispirtu ta’ unità bħala nazzjon. Snin wara, kienu bosta dawk it-Taljani li xtaqu li l-“Va Pensiero” tibda titqies bħala l-innu nazzjonali Taljan.

Wara s-suċċess ta’ dawn iż-żewġ opri huwa ma ħarisx lura. Fil-fatt fit-tliet diċenji ta’ wara kompla jikseb aktar suċċess u fama bil-kompożizzjoni ta’ opri kbar oħra fosthom Rigoletto (1851); Il Trovatore (1853) u La Traviata (1853), Don Carlos (1867) u Aida (1871). L-ewwel tlieta huma meqjusa bħala l-aqwa tliet opri li kkompona.

Verdi ddomina x-xena operistika fl-Italja wara l-perjodu ta’ Bellini; Donizetti u Rossini. B’kollox huwa kiteb xejn inqas minn 30 Opra Lirika. Minbarra dawn l-opri huwa kkompona ħafna aktar xogħlijijet mużikali. Ma nistgħux ma nsemmux xogħol kbir ta’ dan il-kompożitur li huwa r-“Requiem” ad unur il-poeta ħabib tiegħu Alessandro Manzoni li miet fl-1873.

Riċerka illi saret mis-sit – Operabase.com , turi li l-opri ta’ Verdi huma l-aktar li ġew imtellgħa madwar id-dinja f’dawn l-aħħar ħames snin. Fil-fatt Verdi jinsab fil-quċċata segwit minn Mozart u Puccini. L-opra ‘La Traviata’ imbagħad, hija l-aktar opra li ġiet imtellgħa f’dawn l-aħħar ħames snin madwar id-dinja, qabel l-opri Magic Flute ta’ Mozart u La Boheme ta’ Puccini.

%d bloggers like this: