Mro. Dominic Darmanin twieled il-Belt Valletta f’Mejju tal-1962. Beda l-istudji mużikali tiegħu fl-età ta’ 9 snin fl-iskola tas-Sależjani St Patrick’s f’Tas-Sliema u fl-iskola tal-mużika Johann Strauss. Tgħallem it-trumbun taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Anthony Zammit u aktar tard, taħt il-gwida ta’ Mro. Paul Borg fejn akkwista tliet diplomi: ALCM, LLCM u FLCM. Studja l-armonija u l-kuntrapunt għand il-mibki Mro. Carmelo Pace u għand il-Profs. Charles Zammit fejn iggradwa bid-diploma A.Mus.LCM.
Għallem f’diversi baned Maltin u Għawdxin sakemm fl-1993 inħatar Surmast Direttur tas-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan. Huwa waqqaf il-Pinto Brass Band kif ukoll inawgura l-ewwel sensiela ta’ Kunċerti Sinfoniċi. Ħadem għal seba’ snin bħala mużiċist mal-Orkestra tat-Teatru Manoel.
Kompożitur ta’ diversi marċi għall-banda kemm brijużi u kemm funebri. Kiteb ukoll sensiela ta’ xogħlijiet klassiċi għall-banda.
Fl-1 ta’ Jannar 2008 inħatar Surmast Direttur tas-Soċietà Filarmonika Nazionale La Valette wara li għamel 29 sena bħala mużiċist tal-banda La Valette.