Fil-11 ta’ Jannar 1900 il-Kumitat bis-saħħa ta’ Maestro Ermengildo ta’ Catania rnexilleu jakkwista s-servizz ta’ Maestro Gregoria Lucia, l-ewwel surmast Direttur Taljan tal-Banda La Valette. Fil-kuntratt tiegħu mas-Soċjetà Maestro Lucia ntrabat għal tliet snin bid-dritt li kull naħa kellha d-dritt li tirrevoca l-kuntratt b’sitt xhur.
Illawrjat fl-Italja, Maestro Gregorio Lucia kien bniedem intelliġenti u ta’ dixxiplina severa fit-tagħlim tiegħu. Huwa ġie Malta flimkien mal-familja u kellu seba’ wlied subien li lkoll kienu jdoqqu mal-Banda mmexxija minn missierhom stess. Għamel id-debutt tiegħu fi programm li dderieġa fi Pjazza San Ġorġ fi Frar, ftit jiem biss qabel il-festa ta’ San Pawl. Dwar dan id-debutt kitbu l-gazzetta Matla Tagħna u La Gazzetta di Malta li faħħru l-abbiltà ta’ dan is-Surmast.
Taħt id-direzzjoni ta’ Gregorio, ‘La Valette’ mhux biss għamlet diversi żjarat fi Sqallija, iżda wkoll ħarġet bl-unuri kollha f’Konkors Bandistiku li sar f’Cantania f’Awwissu tal-1906. F’April tal-1908, ‘La Valette’ kisbet l-Premju f’Konkors Internazzjonali tal-Mużika li sar f’Bona. F’temp ta’ għaxar snin hija għamlet mhux anqas minn disa’ żjarat fi Sqallija, u magħha ġieli tellgħet wkoll lis-Soċjetà Mandolinistica.
Fatt interessanti huwa li kien Gregorio li daħħal għall-ewwel darba id-drawwa li fil-marċijiet fit-toroq jibdew bir-roll fuq it-tambur bħala sinjal biex tinġibed l-attenzjoni tal-bandisti.
Wara għaxar snin imexxi l-Banda s-Surmast Lucia rriżenja mill-kariga fejn mar lura f’Canicattini fejn reġa’ ħa f’idejh id-direzzjoni tal-Banda lokali. Huwa waqqaf skola mużikali li għandha sal-lum iġġib l-isem tiegħu.