
Wara Paolo Miruzzi, fl-1888 il-Banda La Valette kienet taħt it-tmexxija tas-Surmast Gaetano Grech li kien kompożitur ta’ bosta xogħlijiet sagri u profani u direttur ta’ diversi baned fosthom San Ġorġ ta’ Bormla, L’Isle Adam tar-Rabat, La Vittorja tan-Naxxar , La Stella ta’ Għawdex, Prince of Wales tal-Birgu u oħrajn. Dan is-surmast kiteb Grammatica tal-Musica bil-Malti u huwa awtur tal-poems sinfonica “L’Assedio di Malta” li kienet esegwita għall-ewwel darba mill-banda La Valette. Minbarra li kiteb diversi marċi, sinfoniji, fantasiji, marċi funebri, valzi, falops, mażurki u innijiet kiteb l-Innu Nazzjonali li kien ġie esegwit fi Pjazza San Ġorġ mill-Banda La Valette fl-ewwel kommemeorazzjoni tal-Festa Nazzjonali. Matul l-1887 il-banda ħadet sehem fil-Festi tar-Reġina Vittorja u fil-festi tal-Ġublew tal-Papa Ljun Tlettax. Taħt dan is-Surmast il-banda daqqet ukoll fil-ftuħ tal-Konservatorju Vincenzo Buegej u fit-tberik tal-knisja parrokkali tal-Imsida.