
Omm qaddis isma’ talbi, dawk il-pjagi qegħdli f’qalbi, t’Ibnek Ġesù Msallab. Iva, O Omm tiegħi, int li f’dan il-mument tagħmlilna tant kuraġġ, għaliex int kont hemm, imxejt ma’ Ibnek pass pass, u kont wieqfa ħdejn is-salib tiegħu. Imma x’ġegħlek tibqa’; wieqfa tarah f’dak l-istat kienet il-fidi, għaliex int il-mara ta’ fidi per eċċellenza, u minkejja dik it-traġedja kollha, int kont qed temmen li dak ma kienx it-tmiem ta’ Ibnek, imma dak kien neċessarju, għax permezz ta’ dak il-mument makabru, hu kien se jġedded kollox, kien qiegħed isalva lill-umanità mill-irbit tal-ħażen.
Il-vara tad-Duluri daħlet fis-sett Belti fl- 1740 meta Saverio Laferla li sawwar fil-kartapesta l-istatwa preżenti li ħallas għaliha Girolamo Grugno. Għalkemm sarulha xi tibdiliet kosmetiċi u restawr, fil-kumpless din il-vara qatt ma nbiddlet. Fl- 1952 inbidel il-wiċċ tal- Madonna waqt ir-restawr li sar minn Ġużeppi Caruana (Ta’ Marċjol). Meta rrestawra l-vara fl-1980, Alfred Camilleri Cauchi irripożizzjona wiċċ il-Madonna. Is- sejf, il-kuruna simbolika u l-imsiemer tal-fidda saru mill-offerti tan-nies wara l-pesta tal-1813 għalkemm is-sejf u l- istellarju tal-fidda kienu diġà msemmija fl-inventarju tal-1798. Fl-1939 inbidel is-sellum ma’ wieħed ġdid li nħadem mill-aħwa Bruno.