IL-VARA L-KBIRA

“Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Din l-għajta ta’ Ġesù, minn Salm 22. L-għajta ta’ bniedem imdendel fuq salib li jħossu waħdu, abbandunat minn Missieru stess, karba li tidħol f’qalbna aħna u nisimgħuha, hu li ma kienx qed imut għalih innifsu imma għall-umanità kollha, hu li ma kienx qed iġorr dak is-Salib biss imma s-slaleb, id-dnubiet u l-mard tagħna kollu, u jinsab hemm waħdu. Alla li jiskot, Alla li qisu jinħeba, li jien u int nesperjenzaw fil-ħajja tagħna f’mumenti suwed, ta’ problemi, ta’ kriżijiet ta’ mard, ta’ mwiet, u nistaqsu imma fejn int Mulej? Fejn hi l-imħabba tiegħek għalina? Dan il-lejl mudlam li jgħaddi minnu l-bniedem. U x’jista’ jagħmel il-bniedem ħlief jiskot u jintelaq f’idejn il-Mulej, u jafda fl-imħabba tiegħu.

Fl-1741, il-benefattur Girolamo Grugno rregala rappreżentazzjoni tal-Kruċifissjoni, xogħol ta’ Saverio Laferla fil-kartapesta, biex tieħu post il-vara li kien hemm. Fl-1854, wara li saru diversi restawri, inħadmet fil-kartapesta l-vara preżenti minn Salvatore Dimech li jingħad li ħadimha fuq il-vara li kien hemm dak iż-żmien f’Ħal- Qormi. Fl-1789, sarulha tliet raġġieri tal-fidda, xogħol tal-arġentier Francesco Arpa.