
Ecce Homo, Hekk hu l-bniedem! Il-bniedem debboli imma f’saħħtu, il-bniedem umiljat imma mhux mirbuħ, il-bniedem imbiċċer imma mhux imkisser. Għaliex il-bniedem li jafda fi Kristu jinduna li Kristu jidher fil-ħajja tiegħu speċjalment fid-djugħfija tiegħu, San Pawl jgħid “meta jien dgħajjef jiena qawwi fil-Mulej.”
Din l-istatwa tal-injam li tinsab fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù hija tal-injam li ħadet post statwa oħra li kienet tinkludi żewġ persunaġġ Lhud. Fl-1773 saret din l-istatwa ta’ Ġesù bilqiegħda fuq kolonna baxxa. Hi vara skolpita fl-injam iżda mhux minn zokk wieħed għax almenu sieq waħda kienet minn zokk ieħor.