IL-MARBUT

Is-swat li jkomplu jżidu t-tbatija fiżika u l-umiljazzjoni fuq Ġesù. Dan ikompli jżid mad-daqqiet li qala’, bla ħniena u bla rażan, il-bżieq, u oħrajn. Ġesù li jgħaddi minn dan kollu għalija u għalik, din it-tbatija li lilna taqtalna nifisna, kif jgħid il-Profeta Iżaija: “Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih.” Dan l-isbaħ fost ulied il-bnedmin. Imma b’dawn il-pjagi aħna fieqna.

Il-vara tal-injam li tinsab fil- Knisja Ta’ Ġieżu – Patrijiet Franġiskani l-Belt Valletta hi skultura fl-injam ta’ Pietro Paolo Azzopardi li lestiha fl-1831. Fir-restawr li sarilha fl-1981 minn Alfred Camilleri Cauchi tneħħiet ġonta ta’ drapp abjad li kienet żdiedet fuq koxxet l-istatwa biex b’hekk il-vara ġiet lura fl-istat oriġinali ta’ kif kien skulturaha Azzopardi.