Illum, 22 ta’ Novembru, niċċelebraw il-festa ta’ Santa Ċeċilja, Martri, patruna tal-Mużiċisti. Fis-sede tas-Soċjetà tagħna wieħed jista’ jsib pittura mill-isbaħ ta’ din il-qaddisa.
Imma min kienet Santa Ċeċilja?
Santa Ċeċilja, li għexet fit-tieni seklu wara Kristu, hija waħda mill-aktar martri magħrufa, tant li barra Marija Omm Ġesù, hija waħda mis-7 qaddisin nisa li jissemmew fil-Litanija tal-Qaddisin. Santa Ċeċilja kienet imwielda f’familja nobbli u kienet miżżewġa lil Valerjanu. Valerjanu u ħuh kienu kkonvertew għall-Kristjaneżmu permezz ta’ Ċeċilja. Kienet magħrufa ħafna għall-imħabba li kellha lejn il-mużika u kif permezz tal-mużika kienet tfaħħar lil Alla. Frott it-twemmin Kristjan, Ċeċilja, Valerjanu u ħuh ingħataw il-martirju fuq ordni tal-prefett Turcius Almachius. Hija kienet midfuna fil-Katakombi ta’ San Kallistu, iżda wara is-sarkofagu tagħha ġie ripożizzjonat ġol-Knisja dedikata lill-istess Santa Ċeċilja fi Trastevere.
Ta’ min isemmi wkoll li meta fetħu l-qabar tagħha fl-1599, il-ġisem tagħha kien għadu intatt.
