Kaludi u Anna jżuru l-Forti Sant’Anġlu

Wara li lbieraħ it-Tenur Kaludi Kaludov u s-Sopran Anna Dytry, li huma l-mistednin speċjali għall-kunċert ta’ nhar is-Sibt Omaggio a Giuseppe Verdi, baqgħu impressjonati bil-ġmiel tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Palazz tal-President u l-Armerija tal-istess Palazz, illum kellhom mawra oħra f’wirt storiku ieħor, il-Forti Sant’Anġlu. Appart l-veduta ferm sabiħa tal-Port il-Kbir kemm it-tenur kif ukoll is-sopran baqgħu impressjonati bl-istorja tal-Assedju tal-1565. Wara dan huma qasmu lura lejn il-Belt Kapitali bil-lanċa u komplew jitpaxxew bil-ġmiel tal-Port il-Kbir mill-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq.

Waqt din il-mawra kien hemm jakkumpanja lil dawn il-mistiedna speċjali, id-Direttur tal-Bar u l-Assistant Direttur Ġenerali, is-Sur Michael Borg.