Home » Is-Società » Surmastrijiet » Vincenzo Carabott

+356 21221818
lavaletteband1874@gmail.com
297, Republic Street, Valletta, VLT1110
Monday – Friday: 9:00 – 18:30

Arkivji

Vincenzo Carabott

Fis-seduta tat-2 ta’ Jannar 1890 il-kumitat approva n-nomina tas-Surmast Vincenzo Carabott, iben Luigi Carabott l-ewwel Surmast wara li kienet inħatar b’ferħ kbir mill-allievi tal-banda. Il-Kumitat approva s-salarju tiegħu ta’ tliet liri fix-xahar. Vincenzo stuja l-vjolin taħt missieru u l-istrumentazzjoni taħt is-Surmast Dottor Giuseppe Vella. Huwa daqq il-vjolin fl-aqwa teatri fil-Ġermanja u fit-Teatru Rjal u dderieġa mużika sagra f’ħafna knejjes. Huwa ħalla repertorju kbir ta’ mużika sagra li tinsab fl-arkivji tal-Partrijiet Karmelitani tal-Belt Valletta.

Mill-minuti tal-Kumitat jidher li s-sena 1890 ma kinitx waħda tajba għall-banda u s-soċjetà. Dan għaliex kien hemm nuqqas ta’ dixxiplina kemm fost l-allievi kif ukoll fost il-bandisti. Il-viċi President Dr Vinċenz Frendo Azzopardi fis-seduta tat-18 ta’ Novembru ppropona biex is-soċi allievi jiġu mwissija u ppropona li kellha ssir laqgħa mal-membri kollha biex dawk li ma kinux iridu joqghodħu għar-regolamenti ma jibqgħux jitqiesu aktar bħala membri tal-banda. Wara tkellem is-Surmast Vincenzo Carbaot li qal li l-fethim li kien sar miegħu meta ġie maħtur direttur kien li hu jagħmel mill-aħjar u jimpenja ruħu u jisħaq li l-bandisti ma jfallux kunċert. Huwa għarraf ukoll li ħalla l-impenji tiegħu mat-Teatru Rjal. Hu qalilhom li kien aċċetta l-offerta ta’ lira aktar fis-salarju tiegħu bil-patt li jagħtu wkoll lezzjonijiet lis-soċi.

Taħt it-treġija tiegħu l-Banda La Valette marret Tuneż fl-1891. Hemmhekk idderieġa programm ta’ mużika magħżula b’suċċess kbir. B’rikonoxximent għall-ħila tiegħu fl-arti mużikali, il-Bey ta’ Tuneż onora lis-Surmast Vincenzo Carabott bit-titlu ta’ Kavallier tar-raba klassi taħt Eċċellentissi Ordni Nicham Iftihir.

Fis-17 ta’ Ottubru, 1899 is-Surmast Vincenzo Carabott ta r-riżenja tiegħu minn Surmast Direttur tal-Banda.

%d bloggers like this: