Home » Is-Società » Surmastrijiet » Luigi Carabott

+356 21221818
lavaletteband1874@gmail.com
297, Republic Street, Valletta, VLT1110
Monday – Friday: 9:00 – 18:30

Arkivji

Luigi Carabott

L-ewwel surmast tal-banda “La Valette” kien is-Surmast Direttur Luigi Carabott, li kien imdaħħal sew fiż-żmien imma ma qatax qalbu u b’ħeġġa żagħżugħ daħal għal din il-biċċa xogħol tqila. Ta’ min isemmi li l-Maestro Carabott kien mhux biss surmast tajjeb tal-mużika imma wkoll vjolinist ta’ talent kbir. JIngħad ukoll illi kiteb diversi kompożizzjonijiet iżda sfortunatment dawn sfaw mitlufin. Is-Surmast Luigi Carabott kellu tliet subien, it-tlieta studjaw il-vjolin taħt missierhom u kienu jdoqqu mal-orkestra fit-Teatru Rjal. Ta’ min isemmi li wieħed mit-tfal tas-Surmast Carabott, cioè Vinċenzo kien jagħti l-lezzjonijiet tal-mużika lill-ewwel bandisti ta’ La Valette meta missieru Luigi kien ikun indispost. Vincenzo Carbott kien ukoll Surmast direttur tal-istess banda bejn l-1889-1899.

L-ewwel dehra tal-banda “La Valette” saret nhar it-28 ta’ Mejju, 1875 b’risq il-baritonu Lorenzo del Riccio li kellu suċċess kbar f’bosta teatri EWropej fosthom Milna, Livorno, Ferrata, Ruma u Firenze. F’dan id-debuttt il-banda La Vallette daqqet marcia, mażurka u galopp. Il-banda qalgħet tifħir minn kulħadd partikularment mill-istampa indipendenti kollha tal-pajjiż. Il-gazzetta Portafoglio Maltese faħħret lil din il-banda mmexxija minn Prof. Luigi Carabott “li daqqet biċċtejn mużika bi preċiżjoni hekk kbira li qalgħet applwasi kbar. Min-naħa tagħha l-gazzetta Il Corriere Mercantile Maltese qalet li li din is-serata offritielna wkoll Banda ġdida “La Valette” li sa minn dan l-ewwel saggio eċċellenti tagħha diġà wrietna dak li dalwaqt se tkun.

Grazzi għas-Surmast Carabott u l-inkoraġġiment tal-partitarji Pawlini l-banda La Valette kompliet tikber u tagħmel progress. Maż-żmien mhux biss bdiet tieħu isem tajjeb iżda wkoll bdiet iżżid fil-popolarità. Iżda fl-1877 minħabba diversi raġunijiet Maestro Luigi Carbott kellu kontra qalbu jċedu postu u minfloku laħaq is-Surmast Emanuele Bartoli li għalkemm fil-bidu donnu ma xtaqtx din il-kariga minħabba ħafna impenji oħra wara daħal għal dan l-irwol b’tant imħabba u determinazzjoni iżda fuq is-Surmast Bartoli nitkellmu darb’oħra.

%d bloggers like this: