Home » Is-Società » Surmastrijiet » Emmanuele Bartoli

+356 21221818
lavaletteband1874@gmail.com
297, Republic Street, Valletta, VLT1110
Monday – Friday: 9:00 – 18:30

Arkivji

Emmanuele Bartoli

Maestro Emmanuele Bartoli studja l-armonija u l-pjanoforte taħt Patri Giuseppe Spiteri Fremond Agostinjan. Huwa tħarreġ ukoll fid-daqq tal-vjolin ma’ Ġużeppi Micallef. Ta’ dsatax-il sena huwa mexxa l-orkestra fil-quddiesa solenni komposta minnu stess f’Ħal Qormi u ta’ wieħed u għoxrin kien diġà Surmast Direttur tal-Banda Pinto ta’ Ħal Qormi u ta’ L’Isla Adam tar-Rabat. L-ewwel biċċa mużika tiegħu li ndaqqet fil-pubbliku kienet Amore li saret fit-Teatru Rjal fit-13 ta’ Frar 1873, meta kien għad għandu dsatax-il sena.

Huwa kien bniedem umli, kwiet, paċenzjuż u kalm. Huwa kkompona ħafna mużika profana u sagru għamel diversi arranġamenti ta’ opri għall-baned.Għal żmien twil huwa kien Maestro di Coro u Maestro Concertatore tat-Teatru Rjal fejn ta’ spiss kien jiġi msejjaħ biex jidderieġi l-opri mingħajr kunċerti qabel. Wieħed miż-żgħażagħ bandisti tal-bidu ta’ La Valette u war membru tal-kumitat A.S. Fiteni jgħid li s-Surmast Bartoli bil-ħila tiegħu wassal lill-Banda La Valette fl-ogħla grad ta’ perfezzjoni u wera abbiltà kbira fid-direzzjoni tiegħu speċjalment bħala għalliem tal-kontrapont.

Waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa l-kumitat kienet li ssir talba lill-Gvernatur biex il-banda La Valette tkun tista’ tibda ddoqq programmi mużikali fi Pjazza San Ġorġ. Din it-talba ntlaqgħet bil-ferħ mill-Gvernatur Straubenzee u l-banda ngħatat il-permess li ddoqq Ħadd iva, Ħadd le. Il-poplu kien jattendi bi ħġaru u b’entużjażmu għal dawn il-programmi mużikali. Bis-saħħa ta’ hekk il-fama tas-Surmast Bartoli kompliet tikber fost id-dilettanti tal-mużika Maltija.

F’Lulju 1884 is-Surmast Bartoli kellu b’dispjaċir iħalli d-direzzjoni tal-banda La Valette minħabba li laħaq Bandmaster mar-Reġiment tar-Royal Malta Artillery (RMA) wara rakkomandazzjoni tal-Kurunell M. Portelli. Huwa ntbagħat Londra mill-Militar biex ikompli jistudja u jitħarreġ fejn kellu suċċessi fl-eżamijiet. Maestro Bartoli baqa’ Surmast mal-RMA sa ma ħa l-pensjoni. Wara l-Maestro Bartoli laħaq l-Assistent tiegħu Paolo Miruzzi li baqa’ jmexxi l-banda għal tliet snin, mill-1885 sal-1888.

Ta’ min isemmi li skont il-minuti tas-seduta tas-16 ta’ Mejju 1889 il-Kumitat wara li ħa l-parir tal-Maestro Bartoli iddeċieda jagħmel talba lill-Kurunell Portelli tar-Reġiment tar-RMA biex jagħti l-permess meħtieġ lil Bartoli biex jidderieġi l-Banda f’ċerti ċirkustanzi. Għalkemm il-Maestro Bartoli kien lest li jagħmel dan il-permess meħtieġ ma ngħatalux.

%d bloggers like this: