Home » Avviżi (Page 4)

Category Archives: Avviżi

+356 21221818
lavaletteband1874@gmail.com
297, Republic Street, Valletta, VLT1110
Monday – Friday: 9:00 – 18:30

Arkivji

Attivitajiet tal-Milied

21 ta’ Diċembru 2019 – Finali tal-Kompetizzjoni Presidents Cup tal-Isnooker.

Il-Finali tal-Presidents Cup ser tibda fid-9.00am, u fil-11.00am issir riċeviment li fih ikun hemm il-preżentazzjoni tat-trofew lir-rebbieħ. Biljetti għal dan ir-riċeviment jistgħu jinkisbu mingħand il-markaturi sad-19 ta’ Diċembru. Fil-11.15am fis-sede tas-Soċjetà ser ikollna 6 piece brass band tallegra b’mużika tal-Milied lin-nies preżenti.

22 ta’ Diċembru 2019 – Rigal li Jibqa’

Din is-sena is-Soċjetà ddeċidiet li tagħmel attività diversa mis-soltu. Żmien il-Milied huwa żmien ta’ ferħ, iżda mhux għal kulħadd. Differenti minn tfal oħra, tfal li jgħixu fi stitut isibu żmien il-Milied bħala żmien diffiċli u li possibilment fih iħossu aktar is-solitudni. Għaldaqstant din is-sena ġie deċiż li ser issir żjara f’istitut tat-tfal u waqt li nqattgħu ftit ħin ma’ dawn it-tfal ser jiġu preżentati wkoll xi rigali.

28 ta’ Diċembru 2019 – Brass Band fis-Sede tas-Soċjetaà u Christmas Buffet Dinner fil-MonteKristo Estate

Nhar is-Sibt 28 ta’ Diċembru fl-10.30am fis-sede tas-Soċjetà ser ikollna brass band tallegrana, b’mużika diversa fosthom marċi. Fis-7.30pm imbaghad ser isir Christmas Buffet Dinner b’2 siegħat open bar (jinkludi birra, inbid, soft drinks u ilma) f’MonteKristo Estate għal prezz ta €26. Booking jista’ jsir billi tkellmu lil xi membru tal-kumitat jew billi tkellmu lill-markaturi.

31 ta’ Diċembru 2019 – Nineteen 2 Twenty Celebration

Lejlet is-sena il-ġdida fis-sede tas-soċjetà ser ikollna brass band mill-10.30pm ‘l quddiem u flimkien niċċelebraw il-bidu ta’ sena ġdida flimkien.

4 ta’ Jannar 2020 – Rigal tal-Ħajja

Il-Milied vera li jkun għadda, però qatt mhu tard wisq biex tagħti rigal, speċjalment ir-rigal tal-ħajja. Le dan mhux ser jiswilek flus imma jiswa daqs l-ifjen deheb. Nhar is-Sibt 4 ta’ Jannar 2019 sejrin nagħtu d-demm bħala soċjetà. Għaldaqstant jekk int tixtieq tikkontribwixxi f’dan ir-rigal tista’ tinkiteb għal din l-attività billi tkellem lil xi membru tal-kumitat jew billi tinkitbu għand il-markaturi.

Il-festa ta’ Santa Ċeċilja

Illum, 22 ta’ Novembru, niċċelebraw il-festa ta’ Santa Ċeċilja, Martri, patruna tal-Mużiċisti. Fis-sede tas-Soċjetà tagħna wieħed jista’ jsib pittura mill-isbaħ ta’ din il-qaddisa.

Imma min kienet Santa Ċeċilja?

Santa Ċeċilja, li għexet fit-tieni seklu wara Kristu, hija waħda mill-aktar martri magħrufa, tant li barra Marija Omm Ġesù, hija waħda mis-7 qaddisin nisa li jissemmew fil-Litanija tal-Qaddisin. Santa Ċeċilja kienet imwielda f’familja nobbli u kienet miżżewġa lil Valerjanu. Valerjanu u ħuh kienu kkonvertew għall-Kristjaneżmu permezz ta’ Ċeċilja. Kienet magħrufa ħafna għall-imħabba li kellha lejn il-mużika u kif permezz tal-mużika kienet tfaħħar lil Alla. Frott it-twemmin Kristjan, Ċeċilja, Valerjanu u ħuh ingħataw il-martirju fuq ordni tal-prefett Turcius Almachius. Hija kienet midfuna fil-Katakombi ta’ San Kallistu, iżda wara is-sarkofagu tagħha ġie ripożizzjonat ġol-Knisja dedikata lill-istess Santa Ċeċilja fi Trastevere.

Ta’ min isemmi wkoll li meta fetħu l-qabar tagħha fl-1599, il-ġisem tagħha kien għadu intatt.

Omaggio a Giuseppe Verdi Fuljett

Verdi-Booklet-full-low-rez

Niżżlu minn hawn: http://bandalavalette.org/wp-content/uploads/2019/11/Verdi-Booklet-full-low-rez.pdf

Mumenti mill-Kunċert Omaggio A Giuseppe Verdi

Kaludi u Anna jżuru l-Forti Sant’Anġlu

Wara li lbieraħ it-Tenur Kaludi Kaludov u s-Sopran Anna Dytry, li huma l-mistednin speċjali għall-kunċert ta’ nhar is-Sibt Omaggio a Giuseppe Verdi, baqgħu impressjonati bil-ġmiel tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Palazz tal-President u l-Armerija tal-istess Palazz, illum kellhom mawra oħra f’wirt storiku ieħor, il-Forti Sant’Anġlu. Appart l-veduta ferm sabiħa tal-Port il-Kbir kemm it-tenur kif ukoll is-sopran baqgħu impressjonati bl-istorja tal-Assedju tal-1565. Wara dan huma qasmu lura lejn il-Belt Kapitali bil-lanċa u komplew jitpaxxew bil-ġmiel tal-Port il-Kbir mill-ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq.

Waqt din il-mawra kien hemm jakkumpanja lil dawn il-mistiedna speċjali, id-Direttur tal-Bar u l-Assistant Direttur Ġenerali, is-Sur Michael Borg.

Is-Surmast Dominic Darmanin

Mro. Dominic Darmanin twieled il-Belt Valletta f’Mejju tal-1962. Beda l-istudji mużikali tiegħu fl-età ta’ 9 snin fl-iskola tas-Sależjani St Patrick’s f’Tas-Sliema u fl-iskola tal-mużika Johann Strauss. Tgħallem it-trumbun taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Anthony Zammit u aktar tard, taħt il-gwida ta’ Mro. Paul Borg fejn akkwista tliet diplomi: ALCM, LLCM u FLCM. Studja l-armonija u l-kuntrapunt għand il-mibki Mro. Carmelo Pace u għand il-Profs. Charles Zammit fejn iggradwa bid-diploma A.Mus.LCM.

Għallem f’diversi baned Maltin u Għawdxin sakemm fl-1993 inħatar Surmast Direttur tas-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan. Huwa waqqaf il-Pinto Brass Band kif ukoll inawgura l-ewwel sensiela ta’ Kunċerti Sinfoniċi. Ħadem għal seba’ snin bħala mużiċist mal-Orkestra tat-Teatru Manoel.

Kompożitur ta’ diversi marċi għall-banda kemm brijużi u kemm funebri. Kiteb ukoll sensiela ta’ xogħlijiet klassiċi għall-banda.

Fl-1 ta’ Jannar 2008 inħatar Surmast Direttur tas-Soċietà Filarmonika Nazionale La Valette wara li għamel 29 sena bħala mużiċist tal-banda La Valette.

Omaggio a Giuseppe Verdi – Waqtiet mill-provi

It-Tenur Kaludi Kaludov

Kaludi Kaludov huwa tenur internazzjonali Bulgaru li kanta f’diversi teatri tal-opra fosthom La Scala ta’ Milan, f’Genova, Pariġi, Buenos Aires, Chicago, Huston u Vjenna fost l-oħrajn.

Huwa wera l-kapaċità tiegħu meta s-Surmast Zubin Mehta stiednu bħala Radames f’kunċerti tal-Aida mal-Filarmonika ta’ Iżrael.

It-tenur ikkollabora ma’ diversi artisti internazzjonali fosthom Mirella Freni, Cheryl Studer, Placido Domingo, Piero Capuccili, Nicolai Ghiaurov, Renato Bruson u Sherill Milnes u taħt id-direzzjoni ta’ diversi surmastrijiet fosthom Claudio Abbado, Riccardo Muti u Fabio Luisi.

Merbħa lit-Tenur Kaludov u s-Sopran Dytry

Illum fis-sede tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette ngħataw merħba uffiċjali t-Tenur Kaludi Kaludov u s-Sopran Anna Dytry, mill-President u l-Kumitat tal-istess Società. Prezenti wkoll għal dan l-avveniment kien hemm is-Sindku tal-Belt Valletta, is-Sur Alfred Zammit u ċ-Chairperson tal-PBS Dr Tonio Portughese. Waqt din il merħba wieħed seta’ jieħu togħma żgħira ta’ dak li ser jisma’ nhar is-Sibt hekk kif it-Tenur Kaludi Kaludov kanta biċċa mużika a capella. Saru wkoll xi preżentazzjonijiet kemm lil Kaludi Kaludov kif ukoll lil Anna Dytry. Wara kemm it-tenur u s-soprana ċelebri ħallew messaġġ u ffirmaw fuq il-ktieb tal-viżitaturi.

Is-Sopran Anna Dytry

Anna Dytry twieldet il-Polonja u tgħallmet taħt Kaludi stess fin-New Bulgarian University ta’ Sofia. Hija Solista fit-teatri ta’ Plovdiv u Stara Zagora fil-Bulgarija. Hija wkoll iggradwat mill-Iskola tal-Mużika Primarja u Sekondarja fil-klassi tal-vjolin u kant.

Hija taħdem ukoll mat-teatri f’Varna, Ruse u Burgas. Hija ħadet sehem f’diversi festivals internazzjonali fosthom fi Cieszyn f”Viva il canto”, f’Telemann, fil-Bansko Fest. Ħadet sehem f’diversi opri fil-Polonja, l-Awstrija, il-Ġermanja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, l-Italja, is-Solvakkja u l-Brażil.

Ir-repertorju tagħha jinkludi rwoli mill-opri ta’ Puccini: Tosca (Tosca), Mimi (La Boheme), Liu (Turandot), Cio-Cio-San (Madama Butterfly), Verdi: Elisabetta (DonCarlo), Leonora (Trubadur), Giulietta (Un Giorno di Regno), Bizet: Michaela (Carmen), Mozart: Countess (Le Nozze di Figaro), Donna Elvira (Don Giovanni), Offenbach: Giulietta (Tales of Hoffmann), Tchaikovsky: Tatiana (Eugeniusz Onin), Jolanta (Jolanta) u oħrajn.

%d bloggers like this: