Kieku jkollna niġbru l-2020 f’kelma waħda l-ewwel kelma li tiġi f’moħħna żgur tkun “xokk”. Xokk li kellna nagħlqu l-każin għal żmien twil. Xokk li kellna nħassru diversi servizzi tal-banda. Xokk li kellna nħassru l-attivitajiet li kellna ppjanati. Xokk li kellna nħassru l-kunċerti grandjużi li sirna rinomati għalihom. Xokk li kellna ma nibqgħux niltaqgħu, u niċċajtaw bejnietna.
Iżda bħala soċjetà fihmna u ħassejna aħna wkoll is-sentiment tagħkom u rajna kif stajna nibqgħu qrib ta’ xulxin. Għalekk saħħaħna l-media soċjali u ppruvajna inżommu dawn il-mezzi aġġornati kemm stajna. B’kollaborazzjoni wkoll ma’ Radio City, qegħdin ukoll inwasslu l-vuċi tagħna ta’ kuljum b’diversi programmi, imtella’ mill-membri tagħna. Imma barra dan, grazzi għall-voluntiera tagħna bqajna naħdmu sabiex insebbħu l-każin, sabiex meta tasal il-ġurnata li fiha nerġgħu nifthu l-bibien tagħna, is-sede tagħna tkun il-post fejn terġa’ mill-ġdid tospitakom fl-aqwa ambjent possibli.
Għaldaqstant ejjew inħarsu lejn l-2020 u ma narawx l-ikrah biss tagħha iżda nagħżlu li niffukaw primarjament fuq il-ħafna tajjeb li offriet u l-ħafna tagħlimiet, u bil-għajnuna t’Alla nittamaw li l-2021 b’ħafna aktar tajjeb u b’ħafna aktar tagħlimiet.
Jalla l-2021 tkun is-sena ta’ tama u apprezzament. Tama f’ġejjieni aħjar mingħajr biża’ u mard, iżda b’apprezzament għal dak li diġà għandna, għal dawk li hemm madwarna u dak li l-ħajja tipprovdielna.
Is-sena t-tajba lil kulħadd