Illum tnieda uffiċjalment Radio La Valette b’attività uffiċjali fis-sede tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette AD 1874 lejliet il-146 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà. Dan ir-radio huwa servizz ta’ xandir varjat bis-saħħa ta’ għadd sabiħ ta’ kontributuri u xandara għall-komunità Beltija u għall-ammiraturi tagħha mxerrdin fil-gżejjer Maltin.
Ix-xandiriet qed ikunu trasmessi mill-istudios li saru apposta fis-sede tal-istess Società bil-kolloborazzjoni ma’ Radio City li qed ixandar fuq il-frekwenza 98FM.
L-iskeda hija waħda varjata bi programmi ta’ tagħrif dwar il-Belt Valletta; mużika klassika, minn films, Maltija, Taljana u marċi popolari; persunalitajiet Beltin; programmi għaż-żgħażagħ u sportivi; kif ukoll dwar is-suċċessi tal-Filarmonica La Valette tul il-146 sena tal-istorja brillanti tagħha. Fost il-preżentaturi wieħed isib lil Charles Coleiro, Vince Fabri, Tonio Bonello u Joseph Chetcuti.
Carmel Zammit il-propjetarju ta’ Radio City qal li b’din il-kollaborazzjoni mas-Società La Valette, ir-radju se jkompli jkabbar is-sens ta’ komunita tar-radju.
Il-Viċi President Lino Bartolo tkellem dwar il-ħidma li saret biex jitwettaq dan il-proġett kif ukoll elenka l-lista ta’ programmi tal-iskeda.
Il-President is-Sur Jonathan Grima qal li s-Società qed tħares b’viżjoni lejn il-150 sena mit-twaqqif tas-Societa erba’ snin oħra u dan huwa biss wieħed mill-proġetti għal dan l-anniversarju importanti.
Fl-aħħar tal-konferenza saret preżentazzjoni minn Dr Tonio Portughese tad-DVD tal-Kunċert Omaggio a Giuseppe Verdi li kien ntwera live fuq TVM u li kien sar f’Novembru li għadda mis-Societa lill-President is-Sur Jonathan Grima.
L-għan ta’ “Radio La Valette” huwa li jwassal id-diversi aspetti tal-patrimonju storiku, kulturali u mużikali, flimkien ma’ mumenti rilassanti ta’ divertiment varjat, kif ukoll dwar l-aqwa kisbiet tal-ewwel Soċietà mużikali bi statura nazzjonali tal-Belt Valletta. Huwa xhieda tal-impenn kostanti tad-direzzjoni tas-Soċietà Nazzjonali biex issaħħaħ ir-rilevanza soċjali tagħha billi tuża l-mezz effettiv tax-xandir bir-radio.